Il-bibien tal-MCAST għadhom miftuħin għall-istudenti ġodda

Għall-ewwel darba l-MCAST ħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet f’Novembru biex jakkomoda studenti li issa rċevew ir-riżultati tagħhom taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (ĊES) u tal-Matrikola. Is-sejħa hija miftuħa għall-applikanti sat-Tnejn 16 ta’ Novembru. L-istudenti rreaġixxew b’mod pożittiv għall-mod flessibbli u inklużiv li mexa bih il-Kulleġġ f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali fis-sitwazzzjoni tal-pandemija.

F’Ottubru meta l-Kulleġġ fetaħ il-bibien tiegħu għal studenti, il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv Joachim James Calleja rrikonoxxa li s-sitwazzjoni li qed tevolvi teħtieġ flessibiltà u azzjoni immedjata. Huwa qal li listituzzjoni trid taħdem b’aġilità għall-benefiċċju tal-istudenti biex ħadd ma jitħalla barra.

Il-Kulleġġ ħareġ gwida lil studenti diġà rreġistrati li jista’ jkollhom bżonn jittrasferixxu għal livell jew kors differenti skont ir-riżultati miksuba. L-istudenti għandhom jippreżentaw ir-riżultati tagħhom lill-istituti tagħhom, u jindikaw il-kodiċi tal-kors u t-titlu li jixtiequ jittrasferixxu. It-trasferimenti jiġu aċċettati sat-13 ta’ Novembru. L-istudenti li ġew aċċettati kondizzjonalment għall-korsijiet fil-livelli 4, 5 u 6 għandhom jippreżentaw ir-riżultati tagħhom bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru.

Ir-Reġistrar tal-MCAST Maria Pace qalet: “Aħna konxji li l-istudenti li kellhom l-eżamijiet tas-SEC u lMATSEC din is-sena esperjenzaw ċirkostanzi diffiċli. Kif diġà għamilna matul is-sajf, qed nipprovdu appoġġ lill-istudenti kollha sabiex ikunu jistgħu jkomplu b’suċċess it-tagħlim tagħhom. Irridu nħeġġu lillistudenti kollha jieħdu l-pass li jmiss u jagħżlu mill-firxa ta’ korsijiet biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”