MCAST Online Learning Press Release

March 15, 2020 Admin

MCAST Online Learning Press Release

MCAST Media Release C19 Online Learning 15 3 2020

Stqarrija

15 ta’ Marzu 2020

L-MCAST joffri opportunitajiet ta’ tagħlim onlajn b’reazzjoni għal COVID-19

Wara l-aħbar tal-Gvern dwar l-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi kollha (Avviż Legali 41), l-MCAST se joffri opportunitajiet ta’ tagħlim onlajn lill-istudenti fl-istituti kollha tiegħu. Din hija parti mill-inizjattivi meħuda mill-Kulleġġ b’reazzjoni għas-sitwazzjoni COVID-19 u biex jiżgura l-inqas tfixkil fit-tagħlim tal-istudenti.

Tul dawn l-aħħar ġimgħat, tim ta’ amministraturi u lekċerers fi ħdan l-MCAST ħadmu biex jieħdu azzjoni quddiem l-isfidi maħluqa minn COVID-19 lill-komunità edukattiva. L-istudenti qed jiġu mħeġġa jkomplu jiffokaw fuq l-istudji tagħhom billi jaċċessaw riżorsi onlajn, u korsijiet imħejjija mil-lekċerers. Intbagħtu linji gwida lill-istudenti u l-edukaturi kollha tal-MCAST biex jiffaċilitaw l-użu ta’ pjattaformi onlajn. L-MUT ukoll approvat dan il-pjan ta’ azzjoni dwar l-użu volontarju tat-tagħlim onlajn mill-għalliema.

Fl-dawn l-aħħar snin l-MCAST investa fis-sistema innovattiva għat-tagħlim onlajn. Din is-sistema tippermetti lill-istudenti jattendu klassijiet mill-kumdità u s-sigurtà ta’ darhom, filwaqt li fl-istess ħin ikunu jistgħu jaraw il-lekċerers u sħabhom tal-klassi, jirċievu informazzjoni, jaraw preżentazzjonijiet u jissottomettu x-xogħol tagħhom. Mill-2016, lezzjonijiet onlajn fl-oqsma tal-ICT, l-Arti Kreattivi, l-Inġinerija Mekkanika, l-Inġinerija Elettrika u l-Elettronika u s-Servizzi tal-Komunità, diġà ġew offruti bla ħlas lill-pubbliku ġenerali permezz tal-pjattaforma onlajn tal-MCAST.

F’ittra lill-komunità tal-MCAST, il-Prinċipal James Joachim Calleja qal, “Ninsabu kunfidenti li l-istaff u l-istudenti tagħna sa jilqgħu din il-miżura bħala opportunità biex ikomplu jaqsmu l-għarfien u l-informazzjoni. Aħna lkoll inħossu n-nuqqas ta’ kampus mimli attività u lezzjonijiet li jsiru wiċċ imb’wiċċ. Madankollu, it-teknoloġija tippermettilna nibqgħu f’kuntatt. Huwa importanti li l-komunità tal-MCAST tibqa’ magħquda u konnessa fi żminijiet diffiċli bħal dawn.”

L-MCAST qed jikkomunika mal-istudenti u l-istaff tiegħu permezz ta’ mezzi differenti u qed jibgħat aġġornamenti regolari permezz tal-websajt u l-midja soċjali filwaqt li jemfasizza wkoll l-importanza li wieħed juża s-Servizzi ta’ Appoġġ għall-Istudenti biex jiżgura l-benesseri tal-istudenti.

TMIEM

Għall-aktar informazzjoni dwar ritratti u/jew intervisti jew mistoqsijiet oħra:

Daniela Blagojevic, Director Communications

T: (+356) 23987200| M: (+356) 99884914|E: daniela.blagojevic@mcast.edu.mt