|
|
|
|
MESSAĠĠ MILL-PRINĊIPAL
|
Għeżież Studenti,
Bħala Prinċipal tal-MCAST, għandi l-pjaċir nintroduċi l-għaxar
prospektus tal-Kulleġġ. Il-prospektus għandu jagħtikom idea
tajba tal-kampus u tal-istituti li ser tattendu u jwassal informazzjoni utli dwar
il-firxa ta’ korsijiet li qed noffru.
Nibda biex nifraħ lil dawk l-istudenti li se jkunu ġodda fil-Kulleġġ.
Nirringrazzjakom li għażiltu l-MCAST bħala l-preferenza tagħkom
fejn tkomplu tistudjaw matul is-sena akkademika 2011-2012. Naf li fl-Open Day li
organizzajna xi xhur ilu, ħafna minnkom kienu ġa żaru l-istituti
li xtaqu jikkunsidraw.
Madankollu, xorta waħda nistedinkom biex tiflu dan il-prospektus sew u tiddiskutuh
mal-ġenituri, mal-ħbieb u mal-għalliema tagħkom. It-timijiet
tal-MCAST li joffru gwida u pariri dwar il-karrieri ukoll lesti li jaħdmu
magħkom sabiex tagħmlu għażla bil-g ħaqal u pjan serju tal-programm
ta’ studju li tridu tidħlu għalih.
M’għandniex xi ngħidu, id-deċiżjoni finali għandha tkun
tagħkom u tagħkom biss, għaliex huwa important li intom tagħżlu
l-kors li l-iktar tħossuh addattat għalikom skont il-ħiliet, l-interessi
u l-aspirazzjonijiet tagħkom għall-ġejjieni.
Nixtieq nindirizza wkoll dawk l-eluf ta’ studenti li ser jirritornaw fl-istituti
tagħhom wara l-vaganzi tassajf, jiġifieri dawk li jew waslu għat-tieni
sena jew it-tielet sena tal-kors tagħhom jew dawk li telgħin għall-kors
ta’ livell ogħla. Nittama li kollha kellkom waqfa ta’ mistrieħ kif jistħoqq
u li issa tinsabu ħerqana mill-ġdid biex tibdew sena oħra ta’ attivita’
u ta’ suċċess.
Ir-reputazzjoni sabiħa li jgawdi l-MCAST ġejja mill-prestazzjoni tajba
ħafna li l-kulleġġ kellu matul dawn l-aħħar għaxar
snin. Is-suċċessi tagħna kienu ppjanati bil-għaqal u ma ġewx
b’kumbinazzjoni. Għalkemm mhux dejjem ikun evidenti, nixtieq infakkarkom li
aħna nagħtu kaz u nisimgħu bl-attenzjoni dak kollu li jgħidulna
l-istudenti tagħna. Fuq il-bażi ta’ dan ukoll, nagħmlu deċiżjonijiet
li jwasslu għall-titjib fl-istandards u nistinkaw biex noffru dak li huwa mistenni
mill-Kulleġġ bħala ċentru ta’ eċċellenza vokazzjonali.
L-MCAST jaħdem mal-imsieħba soċjali kollha, dawk fl-edukazzjoni u
t-taħriġ, kif ukoll ma’ min iħaddem, biex iwessa’ l-ħiliet u
jissodisfa l-ħtiġijiet tal-industrija u tal-ekonomija Maltija. Id-disa’
istituti tal-MCAST u ċ-ċentru tal-MCAST f’Għawdex huma oqsma eċċellenti
ta’ taħriġ vokazzjonali. Kollha huma mgħammrin bir-riżorsi li
titlob id-dinja ta’ llum. Jiena nittama li tagħmlu użu tajjeb minn dak
kollu li qed noffru u li tieħdu l-aħjar li tistgħu mill-għażla
wiesgħa ta’ korsijiet fil-livell li jgħodd għalikom.
Jekk tkunu tixtiequ tibbenefikaw minn għajnuna oħra waqt li tkunu fil-Kulleġġ,
fl-MCAST issibu nies imħarrġa għaltapposta biex jgħinukom. Jistgħu
jsiru appuntamenti personali kemm qabel kif ukoll wara li tkunu nktibtu għall-kors
ta’ studju.
Ilkoll kemm aħna nifhmu li jekk irridu nimxu sew, ma nistgħux inħarsu
biss lejn dak li ser nakkwistaw. L-istudenti għandhom ħafna x’jagħtu
wkoll u għaldaqstant nistennew li turu l-entużjażmu u l-motivazzjoni
biex titgħallmu, u x-xewqa ġenwina li timxu ‘l quddiem u tirnexxu.
Ftakru li tkunu tridu taħdmu flimkien ma’ sħabkom u mal-għalliema
tagħkom iktar minn qatt qabel. Ħudu ħsieb li tkomplu ttejbu l-isem tal-kulleġġ
u araw li tirrispettaw il-komunita’ tal-lokal fejn jinsab l-istitut li għażiltu
biex tistudjaw fih.
Nawguralkom sena ta’ suċċess fi ħdan l-MCAST.
Prof. Maurice Grech
Prinċipal
|
|
|
|